Tħabbat Xtaqtek

Lejlet il-Milied stedint ruħi b’idejja fl-eremitaġġ ta’ Gioele fost l-oħrajn biex niġbor kopja tal-aħħar ktieb tiegħu Tħabbat Xtaqtek (Horizons 2017, paġ. 241). Wara taħdita tar-ruħ u tazza tè qbadt triqtli lura lejn il-kunvent fl-Imdina u minkejja li l-24 u l-25 ta’ Diċembru jkunu mimlijin daqs bajda bejn it-talb komunitarju, l-quddies, il-qrar u t-tħejjija għall-ikla tal-Milied u ż-żjajjar lill-għeżież, irnexxieli naqra tista’ tgħid f’nifs wieħed dan id-Djarju mill-Eremitaġġ.

Il-pubblikazzjoni thennik fuq diversi livelli. Nibda biex ngħid li estetikament tħajrek taqbad il-ktieb f’idejk u tiftaħ ħa tqalleb. Il-ktieb suġġestivament huwa rilegat f’qoxra iebsa li turi dettal ta’ bieb antik u serratura bl-isem tal-awtur fid-dalma sewdiena tat-toqba li minnha jidħol il-muftieħ biex jiftaħ dan il-bieb li jagħti għal fuq dinja misterjuża għal bosta: il-ħajja fl-eremitaġġ. It-titlu Tħabbat Xtaqtek donnu jagħmillek il-qalb tiftaħ il-ktieb u fl-istess waqt tħabbat il-bieb tal-eremitaġġ sabiex tidħol fih u hekk inti ssir wieħed minn dawk il-karattri – hux veri jew mistħajla ftit jimporta – li ħabbtu l-bieb tal-Eremitaġġ ta’ San Ġlormu f’Monte Cucco biswit ir-raħal kważi vojt ta’ Pascelupo li fih jgħammru xwejħa miżżewġa agħmi, it-tnejn solitarji fil-qagħda li jinsabu fiha, jew daħlu f’kuntatt mal-eremita u ħutu fis-sejħa għall-ħajja ta’ waħdu fid-deżert (eremitaġġ ġejja mill-Grieg ἔρημος, deżert, deżolazzjoni).

Insibu bosta karattri li żaru jew ippruvaw jidħlu fl-eremitaġġ: 1) l-iddisprati li jfittxu kelma ta’ faraġ mingħand il-bniedem ta’ Alla li hu wkoll jaf x’inhu l-abbiss li jisfronda bla qiegħ, 2) il-barrani kurjuż li ukoll jekk fiżikament jirnexxielu jidħol jibqa’ fil-fatt barra mill-ħajja tal-eremitaġġ, 3) Iċ-ċiniku preġudikat – xi drabi wkoll ateu – li quddiem l-iskjettezza tar-raħeb ifittex li jitlaq ’il barra mill-barr li jsir ma jiflaħx għalih, 4) Il-familjari qalbhom maqsuma imma fis-sliem rassenjati għall-għażla ta’ binhom, 5) Il-ħbieb li minn żmien għal żmien ifittxu fil-barr oażi mir-raħeb li hu nnifsu barr. Qabel dawn kollha, ir-raħeb innifsu darba kien barrani, u nġibed lejn l-eremitaġġ, wara li skopra li l-identità tiegħu, fil-qalba ta’ ruħu hu eremita.

F’xi paġni minn dan id-djarju imbagħad il-folja tinqaleb u flok in-nies tad-dinja jżuru l-eremitaġġ minħabba xi ħtieġa jew oħra, ikun ir-raħeb li minħabba ħtiġijiet partikolari jżur id-dinja ta’ barra. Fil-laqgħa mal-mara misterjuża fuq il-vapur tal-art it-tnejn jintebħu li huma eremiti fil-kuntest rispettiv tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar ir-raħeb huwa bniedem tad-demm u l-laħam bħal kulħadd. Xeni mill-ħajja prattika tal-eremitaġġ, bħall-ħidma manwali, id-diffikultà tal-kesħa xxoqq l-għadam, l-impossibilità li għal ġimgħat sħaħ l-irħieb joħorġu mill-eremitaġġ li minħabba l-ammont sostanzjali tal-borra spiċċaw priġunieri f’darhom stess, kif ukoll bosta dettalji oħra tal-ħajja normali li lkoll ngħixu għax ulied Adam, juru l-universalità tal-esperjenza umana bħala esperjenza ta’ solitudni, għax fil-fatt ilkoll waħedna fil-ġrajja tagħna li hija irrepetibbli. L-eremit jew ir-raħeb huwa dak li jħaddan din il-qagħda solitarja, ma jibżax minnha, ma jaħrabhiex bħalma jagħmlu bosta fid-dinja. Huwa hu jġarrab il-baħħ, l-eremit jitgħallem jgħix fih mingħajr ebda illużjoni jew xi forma jew oħra ta’ idolatrija reliġjuża. Dan il-baħħ jew qiegħ etern għall-eremit huwa Alla li fih jisfronda.

Wara li jiftaħ b’deskrizzjoni fiżika ta’ fejn jinsab l-eremitaġġ il-ktieb huwa msensel bi 98 ġrajja qasira li aktarx tibda minn spunt tanġibbli tal-esperjenza tal-jum tipiku fl-eremitaġġ biex imbagħad togħla jew aħjar tisfronda fit-tfittxija għas-sens metafiżiku tal-eżistenza. Dan is-sens l-awtur jesprimih fil-kelma miktuba li toħroġ mis-skiet biex fih terġa’ tindifen għax is-skiet aqwa mill-kelma. Huwa mis-skiet li joħroġ kollox, bħalma mis-Skiet Etern titnissel il-Kelma u titlaħħam sa ma tegħreq fix-xejn u minn hemm terġa lura għas-Skiet Etern li minnu ħarġet, hekk l-esperjenzi kollha msensla fi ġrajja wara oħra qishom skizzi mill-ġrajja ta’ raħeb mikul bil-ħtieġa li jagħmel sens minn ġrajjietu frammentata u tturmentata. Il-ġrajja mniżżla f’dan id-djarju mhumiex marbuta waħda mal-oħra, għajr għal xi eċċezzjoni, u dan jagħti sens ta’ frammentazzjoni. Iżda hija proprju dawn il-frammenti solitarji miġjuba waħda biswit l-oħra li jagħtu loġika lil dan id-djarju.

Mal-ġeneru ta’ djarju jissieħeb dak tal-ittra. Ir-raħeb jikteb biex iwieġeb għal nota ta’ viżitatur li jipprotesta diżappuntat li ma jistax jidħol fl-eremitaġġ. Ir-raħeb isib din in-nota fis-serratura tal-bieb tal-eremitaġġ. Hija din in-nota li tqanqlu jikteb biex jidħol fi djalogu ma’ interlokutur sieket u assenti, li lanqas ma jaf li r-raħeb qed jiktiblu. Fl-aħħar tal-ktieb insiru nafu, flimkien mar-raħeb, li min ħalla n-nota kienet mara li reġgħet żaret l-eremitaġġ flimkien ma’ żewġt’irġiel u did-darba ġiet milqugħa. Għalkemm taħt forma ta’ ittri, ir-raħeb-awtur qiegħed fil-fatt jidħol f’eżerċizzju ta’ solilokwiju li jfakkarna fost l-oħrajn f’dawk ta’ Santu Wistin u wkoll fil-kitba riċenti ta’ Mario Azzopardi mitbugħa fi Skizzi tal-Karnival, Il-Fabbrikant tal-Marjunetti u l-iktar f’Epistoli mid-Deżert. Galea innifsu f’ittri 93 u 95 isemmi espliċitament lil Azzopardi u jistqarr “Mario bħali. Jew jien bħalu.”

Għal min qed jaqra l-ewwel darba lil Gioele fi Tħabbat Xtaqtek, isib f’dan il-ktieb b’Malti mexxej, sabiħ u mirqum, daħla għall-esperjenza eżistenzjali tiegħu u t-temi li jmiss fil-poeżiji tiegħu mitbugħa s’issa f’bosta volumi: ix-xejn, it-trab, it-turment, il-baħħ, Alla, is-skiet, il-qiegħ u l-bqija. Jien u naqra ġo moħħi bdew telgħin poeżija wara oħra – xi waħda jew tnejn minnhom insibuhom mill-ġdid f’din il-pubblikazzjoni wkoll – mill-ġabriet O Għatx Imkebbes Fjamma, Dmija fuq il-Borra, Dija, Bla Qiegħ u li fil-fehma tiegħi jisbqu bil-bosta, kemm fil-qawwa espressiva u fil-valur letterarju, din il-pubblikazzjoni tal-aħħar li wkoll għandha l-valur letterarju tagħha fil-qasam tal-kitba Maltija speċjalment dik reliġjuża. Għal min hu diġà midħla tal-kitba ta’ Galea, jinduna li din il-pubblikazzjoni ddur mal-istess esperjenza u temi diġà misjuba fil-poeżiji. Fi kliem l-awtur innifsu dan il-ktieb “issawwar magħhom. L-esperjenza hi waħda… Wieħed iċ-ċentru. Fih l-esperjenza tingħaqad”.

Jekk kif jistqarr l-awtur f’waħda minn dawn is-solilokwiji, li s-skiet huwa aqwa mill-kliem, l-awgurju tagħna huwa li Galea jkompli jgħammar illum fis-skiet tal-eremitaġġ preżenti fil-belt sabiex il-kliem li jmiss ikun leħen f’waqtu li jwassal il-Kelma li tnisslet sa minn dejjem fis-Skiet Etern.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s