Liema Ġesù? Dak ta’ veru jew il-ħlieqa ta’ moħħna?

Fl-Evanġelju ta’ llum (Mt 14:22-33) l-appostli fuq id-dgħajsa waħedhom bil-lejl huma u jaqsmu min-naħa għall-oħra, jiltaqgħu ma’ Ġesù miexi fuq il-baħar u jaħsbuh fantażma jiġġerra fuq l-ilmijiet. It-Talmud (tagħlim tar-Rabbini) jqis il-fantażmi bħala dell li jgħaddi. Il-fantażma huwa biex ngħidu hekk il-proġettazzjoni tal-bżonnijiet jew il-biżgħat tagħna li huma tassew bħal dell li jgħaddi, illużjoni, ħlieqa tal-moħħ. Min jiġri wara l-fantażmi jew iħalli l-fantażmi jiġru warajh, ikun qed jiġri wara r-riħ jew jgħix fl-illużjoni tad-dinja tal-fantażija. San Pawl fit-tieni qari ta’ llum, quddiem in-nuqqas ta’ twemmin fi Kristu ta’ ġensu, jgħidilna li dan Ġesù “hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem.” (Rum 9:5), u l-appostli wkoll fl-Evanġelju wara li Ġesù jerfa’ lil Pietru mill-għarqa, u jwaqqaf ir-riħ, “nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.” (Mt14:33). Fl-Ewwel Qari wkoll mill-Ktieb tas-Slaten, Alla juri lilu nnifsu fis-skiet idamdam jew jirbombja, u hekk Elija jgħatti wiċċu quddiemu, u mhux quddiem il-manifestazzjonijiet l-oħra tan-nar jew terremot li kienu dejjem assoċjati ma’ Alla.

Quddiem dan il-qari fil-liturġija ta’ llum waħedha tqum il-mistoqsija: “Jien f’liema Ġesù Kristu nemmen? Wara liema Ġesù Kristu miexi? Wara dak reali, ta’ veru, ħaj, jew wara ħlieqa ta’ moħħi li ma hu xejn ħlief proġettazzjoni ta’ xewqati jew tal-biżgħat tiegħi, f’kelma waħda wara dell li jgħaddi jew kif jgħid l-Evanġelju, wara fantażma?”

Tajjeb li nagħmluha din il-mistoqsija, iktar u iktar meta nikkunsidraw li l-kuntest tal-Evanġelju ta’ llum huwa dak ta’ nuqqas ta’ fidi. Ftit qabel ix-xena ta’ llum fl-Evanġelju Ġesù jtemm it-tagħlim fuq is-Saltna ta’ Alla fostna, il-poplu ħerqan imġennen fuqu għax temgħahom il-ħobż bix-xaba u allura qatgħalhom xewqathom u l-bżonnijiet tagħhom, imma sadattant tberraq l-aħbar tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista, u Ġesù jirtira waħdu fid-deżert. Bil-lejl imur jitlob u jħalli lill-appostli jaqdfu fuq id-dgħajsa jaqsmu għan-naħa l-oħra. Huwa jmur jiltaqa’ magħhom u jaħsbuh dell, fantażma. Ukoll l-ewwel qari dwar Elija fuq il-Ħoreb, il-kuntest huwa dak tat-taqbida mal-Profeti ta’ Baal, alla falz, li hu proġettazzjoni tal-bżonnijiet naturali tal-bniedem, u li minnu ħareġ il-kult tal-fertilità, kult li kien qed jeqred il-fidi tal-poplu Lhudi f’Alla l-ħaj. Fit-tieni qari wkoll insibu lil San Pawl li hu qalbu sewda u mnikkta għax ma wiċċu jsib in-nuqqas ta’ twemmin fi Kristu meqjus falz mill-poplu tiegħu, illużjoni, xi ħadd mejjet għax maqtul fuq is-salib u li Pawlu u oħrajn ta’ illużi li huma qed jgħidu li hu ħaj.

Il-periklu ta’ dejjem fil-fidi huwa li noħolqu alla skont ix-xbieha tagħna, dell li jgħaddi, fantażma frott il-fantasija ta’ moħħna u x-xewqat moħbija ta’ qalbna. Mentri Alla veru hu Alla l-ħaj; il-Ġesù veru huwa dak ħaj li mhuwiex ħlieqa ta’ moħħna frott ħrejjef maħluqa imma hu dak li hu dejjem ħaj li jersaq hu lejna, kif resaq lejn l-appostli fid-dlam tal-lejl. Hu l-Ħaj, għax “bih u għalih sar kollox u kollox bih qiegħed iżomm” kif jgħallimna l-Appostlu. Hu il-Ħaj għax rebaħ il-mewt. L-Evanġelju ta’ llum ifakkarna fid-dehriet ta’ Kristu Rxoxt ħaj li mhuwiex fantażma, mhuwiex illużjoni iżda persuna li tersaq lejk u tistiednek tidħol f’relazzjoni magħha bil-konsegwenzi kollha li din iġġib magħha. Għax Ġesù Kristu mhuwiex persuna kwalunkwe, hu fi kliem il-Kelma ta’ Alla llum “Alla mbierek” u “tassew Bin Alla”. Quddiemu tbaxxi rasek ħa tismgħu Skiet Jirbombja li waqqgħalek l-illużjonijiet, l-fantażiji u l-proġettazzjonijiet kollha tiegħek dwaru. Ma jeżistix Ġesù Kritsu ieħor ħlief dak tal-Evanġelju, ma jeżistix Kristu sħiħ, imkien, jekk mhux fid-dgħajsa ta’ Pietru li hi l-Knisja, il-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu fih. Din id-dgħajsa tħabbat wiċċha mar-riħ u l-ħalel li jinqalgħu minn ġewwa fiha u barra minnha fix-xandir tal-Bxara t-Tajba, imma jekk inti tibqa’ fiha ma tegħriqx. Jekk inti tibqa’ ankrat fi Kristu, timxi fuq l-imwieġ u l-ħalel fl-għixien tal-fidi tiegħek fil-veru Kristu.

U dan għandna bżonn inżommuh quddiem għajnejna. Għax bħal dejjem, illum ukoll għandna ħafna “għorrief imdawwla” li la l-għatba tal-Knisja ma’ tantx jieklu u wisq inqas iqallbu l-paġni tal-Kotba Mqaddsa u oħroġ il-għaġeb jisserdqu ħalli jgħallmuna f’liema Ġesù Kristu rridu nemmnu, jew saħansitra jippreżentaw ruħhom daqs li kieku jafuh sewwa lill-Kristu. Jafu dażgur, imma lil Kristu fantażma, dell ta’ moħħhom. U allaħares tipprova turi li l-Kristu tal-Evanġelju mhuwiex il-Kristu fantażma, dell ta’ kif iriduh huma, għax malajr ibarruk għax fundamentalista, u jtuk litanija oħra ta’ titli mżewwqa iktar mill-qawsalla. Matul l-istorja tal-Kristjaneżmu kellna ħafna ċarlatani mdawwla u strumenti tar-ramm iżarżar li xandru diversi kristijiet kif jimmaġinawhom huma fl-ideoloġiji mħassra ta’ moħħhom. Imma lkoll intemmu fix-xejn u baqa’ ħaj dak li Pawlu llum jgħarfu bħala “Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem”.

Il-Kelma ta’ Alla llum għalhekk tixprunana naraw jekk il-Kristu li nemmen fih personalment huwiex fantażija ta’ moħħi, hux il-fantażma li ħiereġ binn xewqati jew biżgħati, hux id-dell li jgħaddi u d-duħħan li jisfuma fix-xejn.; jonkella huwiex il-Kristu tal-Evanġelju, il-Kristu li jgħix fil-Ġisem tiegħu li l-Knisja, din id-dgħajsa ta’ Pietru (f’San Mattew u San Luqa), l-Arka ta’ Noè (fil-Ġenesi), il-Ġifen ta’ Pawlu (fl-Atti tal-Appostli) li fi kliem l-appostlu min jibqa’ fih isalva! Trid tkun ċert li temmen u qed timxi wara Ġesù Kristu tassew u mhux wara ħlieqa ta’ moħħok? Aqra l-Iskrittura u għix fid-Dgħajsa ta’ Pietru li hi l-Knisja għax hi l-Ġisem ta’ Kristu fuq dina l-art u ħadd ma jista’ jwassallek lil Kristu sħiħ ħliefha!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s