Ittri mill-Eremitaġġ – Is-Sibt 14 ta’ Mejju

Illejla tajt l-aħħar konferenza lill-eremiti fuq il-ktieb “It-Tmint’Ijiem tal-Ispirtu s-Santu” li jiġbor fih id-duttrina ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi dwar l-Ispirtu s-Santu u l-ħidma tiegħu fir-ruħ. Ma’ żewġ konferenzi kuljum matul dawn it-tmint’ijiem qaddist u pprietkajt lill-komunità miġbura għall-quddiesa filgħodu fl-oratorju fit-7.45am. Qabel il-quddiesa fis-6.30am jkun hemm siegħa “talb kontemplattiv” fil-privat u qabel fis-6.00am it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum flimkien. Qabel it-talb flimkien fil-4.45am l-eremiti jitolbu l-Uffiċċju tal-Qari jew il-Vġejjel, fis-solitudni taċ-ċella. Jiena nippreferi nintasab f’dan l-oratorju sabiħ iddedikat lill-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet. L-ewwel meravilja tiegħu huwa li dan l-oratorju bnewh u żejnuh l-eremiti nfushom, bl-ikoni tal-ħitan u l-mużajk tal-koppla. It-tieni l-arti sagra li fih hija meraviljuża għad-dinjità, is-sempliċità u l-ispirtu li joħroġ minnha.

KoplaMela kif diġà għedt l-oratorju huwa ddedikat lir-Riżurrezjoni u dan għar-raġuni sempliċi li l-Liturġija tal-Ordni Karmelitan kienet dik tal-Bażilika tar-Riżurrezzjoni f’Ġerusalemm. Sal-Konċilju ta’ Trentu l-Ordni Karmelitan kellu l-privileġġ li joħloq il-liturġija tiegħu mingħajr bżonn ta’ approvazzjoni mis-Santa Sede. Sfortunatament ir-Riforma tal-Konċilju Tridentin bil-Missal ta’ Piju V irvinat għal kollox ir-Rit Karmelitan għajr xi rubriki u xi testi u xi ritwali ċkejkna li ġew amalgamati mar-Rit Ruman. Il-Konċilju Vatikan II kompla waħħal l-aħħar daqqa ta’ mannara bis-soppressjoni tar-rit. Din il-komunità ta’ eremiti bil-permess tal-Ġeneral tal-Ordni qegħdin jaħdmu fuq reviżjoni tar-Rit Karmelitan u t-testi li jżewwqu dan ir-Rit li kollu kemm hu mibni madwar il-misteru tal-Għid tal-Mulej. Għalhekk ħassew li hu xieraq li l-oratorju jkun iddedikat lir-Riżurrezzjoni. Il-forma tal-oratoju tixbaħ lill-dik tal-qabar ta’ Kristu: kwadru u n-naħa tal-Lvant f’daħla kwadra oħra hemm is-Santwarju bl-altar ewlieni li fih tinżamm ukoll l-Ewkaristija. L-oculus li minnu filgħodu jidħol id-dawl tax-xemx li jdawwal l-altar u s-Santwarju joffri tassew atmosfera sabiħa u kontemplattiva inti u tkanta filgħodu l-kantiku ta’ Żakkarija li jgħid “fil-qalb ħanina tiegħu Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa”. Il-quddiesa titqaddes ‘coram apside’ b’ħarsitna lejn il-Lvant ‘ad orientem’. Il-quddiesa prattikament kantata kuljum u fil-Ħdud u l-festi issir bi ftit iktar solennità. Imma dejjem bil-galbu, mingħajr ħafna mutetti żejda, bl-omelija u bil-pawsa tas-skiet wara l-Liturġija tal-Kelma u wara t-tqarbin, kif jixraq tassew lil dar kontemplattiva.

Kopla (2)Minħabba d-dedikazzjoni lir-Riżurrezzjoni mal-ħitan tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-oratorju hemm ikoni b’xeni mill-ħajja ta’ Ġesù marbutin mal-qawmien mill-Imwiet: Il-Qawmien ta’ Lazzru, L-Inżul fil-Limbu, Il-Qawmien tal-Mulej, Id-Dixxipli ta’ Għemmaws, It-Tlugħ fis-Sema, Għid il-Ħamsin. Mal-ħajt tal-Lvant kull naħa tas-Santwarju ikona ta’ Marija Omm Alla tat-Tenerezza u ikona ta’ Kristu Pantocrator, ġej fil-glorja fl-aħħar taż-żmien. In-naħa ta’ fuq ta’ kull ikona, ikona oħra li turi Profeta mir-Rabta l-Qadima bi profezija marbuta mal-misteru muri fl-ikona u taħtna xena mir-Rabta l-Qadima, ngħidu aħna għall-ikona tat-Tlugħ fis-Sema, hemm taħtha ikona iżgħar turi lil Elija tiela’ s-sema.

Il-koppla f’forma ottagonali, tfakkar it-tminn jum, il-jum tal-Qawmien. Il-mużajk juri lill-Verġni Marija Orans wieqfa b’idejha fil-ġest tat-talb, San Mikiel u San Gabrijel, San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża, Marija ta’ Magdala, San Elija u San Ġwann l-Evanġelista. il-lanterna tal-koppla ddawwal il-mużajk bil-ħġieġ ikkulurit.

L-irħieb jinġabru bħala komunità kuljum fiha għat-talb liturġiku erbgħa darbiet kuljum matul il-ġimgħa u tminn darbiet il-Ħadd.

… sadattant saru s-7.10 ta’ filgħaxija. Illum ġurnata xemx mis-sbieħ wara tlett’ijiem sħab u xita. Id-dlam tal-lejl għadu ma daħalx, qishom il-5.00pm… kważi kważi nitħajja noħroġ passejn waqt li nitlob ir-Rużarju…

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s