Ittri mill-Eremitaġġ – Il-Ħadd 15 ta’ Mejju

It-8.30pm. Għadda jum ieħor mimli mumenti sempliċi imma speċjali li jagħmlu l-jum tal-Ħadd fl-eremitaġġ differenti mill-bqija tal-ġimgħa.

Il-Ħadd hu jum il-Mulej, jum il-Qawmien tiegħu mill-Imwiet u allura jum il-komunità nisranija. Illum b’mod iktar qawwi għax jaħbat Għid il-Ħamsin, it-twelid tal-Knisja. Il-jum jibda fil-ħin tas-soltu bl-Uffiċċju tal-Qari. Il-Ħadd iżda jsir fl-oratorju flimkien mal-komunità. Fil-jum tal-Ħadd il-Liturġija tas-Sigħat issir kollha flimkien u ddum ftit iktar. Illum ukoll minħabba Għid il-Ħamsin il-quddiesa kienet għand is-Sorijiet tal-Klawsura qrib l-eremitaġġ. Il-komunità klawstrali fiha 13-il membru u l-monasteru, mwaqqaf fl-1955 huwa ddedikat lill-Verġni Marija tal-Providenza. Il-kappella moderna u awstera imma fl-istess ħin sabiħa. Fiha biss l-essenzjal sabiex wieħed ma jintilifx ’il barra minnu nnifsu imma jidħol fih innifsu u jfittex lil Alla f’qalbu. Il-kurċifiss tal-injam sabiħ immens u għandu bixra solenni. Ix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu ħelwa ħafna għax mhux biss il-Madonna liebsa ta’ Karmelitana imma l-Bambin ukoll. Il-quddiesa konċelebrata solenni bil-kant Gregorjan alternat bejn l-eremiti u s-sorijiet tal-klawsura. Dawn it-tmint’ijiem erġajt mort lura għan-novizzjat fil-memorja meta konna nitgħallmu l-Gregorjan u nkantawh fil-Liturġija. It-toni sbieħ, melodjużi u kalmi sbieħ wisq, mingħajr ma trid tidħol mill-ewwel f’ġabra u meditazzjoni. Il-kant kien suggestiv ħafna alternat bejn ilħna ta’ rġiel u nisa. Kont ilni ma nisma kant gregorjan varjat min-novizzjat. Malta tmur fejn tmur ħlief il Missa de Angelis ma tismax! U tajjeb inkunu nafu li l-Missa de Angelis hija l-quddiesa tal-funerali tat-trabi, u għalhekk tissejjaħ tal-Anġli! Forsi wasal iż-żmien nibdlu ftit ir-repertorju.

Chapel

Hija ħaġa komuni ħafna hawnhekk mid-dehra l-quddiesa ‘ad orientem’. Kantajt l-Evanġelju bil-Malti minħabba li f’Għid il-Ħamsin l-Evanġelju jitkanta b’diversi ilsna. Hawnhekk tkanta bil-Grieg, Latin, Franċiż, Malti, Taljan u Ingliż. Kelli nipprietka wkoll għax is-sorijiet semgħu mill-eremiti li nipprietka tajjeb u allura riedu li nipprietka jien. Illejla sirt naf li għamlu CDs bil-konferenzi li tajt lill-eremiti! Wara nofsinhar eremita stedinni passiġġata miegħu fil-kampanja fejn stajna nitkellmu ftit u niddiskutu ħwejjeġ tar-ruħ u tal-ħajja reliġjuża.

Il-Pirjol avżani li llum hija ġurnata libera… però mimlija daqs bajda. Libera tfisser li ma jsirx xogħol, li waqt il-kolazzjon nitkellmu u li flok il-qari fir-refettorju nisimgħu mużika sagra polifonika u klassika. L-effett huwa surreali, talanqas għalija, tiekol fis-skiet mal-oħrajn fl-istess ħin tisma din il-mużika liturġika sabiħa li tinżillek għasel iktar mid-deżerta! Ftakart fil-film “Of Gods and Men” fix-xena fejn il-monaċi trappisti kienu qed jixorbu tazza nbid u jisimgħu Swan Lake. L-għada ttieħdu għall-martirju! Għax ġurnata libera tfisser ukoll li fit-3pm jkun hemm siegħa rikreazzjoni bil-kafè u l-pasti (yummy) ‘homemade’ mis-sorijiet tal-klawsura! Il-pranzu wkoll kien speċjali… doqt għall-ewwel darba ‘burgers’ tas-salamun (yummyx2). Minħabba li Pentekoste kellna wkoll rikreazzjoni mas-sorijiet. Il-Pirjol huwa u jippreżentani lis-sorijiet il-ħin kollu jirreferi għalija Mar Charbel… freudian slip… naħseb tort tad-daqna… għedtilhom li ma tantx jiena qaddis bħalu dan Mar Charbel u li s’issa ma joħroġx żejt ifuħ minn ġismi bħalu! Wara daħka twila kollha jistaqsu fuq Malta u x’nagħmlu u x’ma nagħmlux… ħassejtni qisni waqajt minn Mars! Fost kollox irrakkuntawlhom l-eremiti li waqt li kont fil-bosk dil-ġimgħa daruni 7 ċriev u li rajt ukoll volpi! Tgħidx kemm daħku u ma setgħux jifhmu kif ma għandniex ċriev u volpijiet Malta… f’qalbi għedtilhom kieku jagħmlu mill-Milied sa San Stiefnu għax kollha jispiċċaw b’xi tir ta’ senter! Dil-ġimgħa daħlilhom volpi fil-ġnien tal-monasteru u welldet ħames volpijiet. Iċ-ċriev ukoll waslu biex iwelldu. L-armonija tan-natura mal-bnedmin hija impressjonanti. Soru anzjana kif semgħet li daruni ċ-ċriev qaltilna li darba waqt rtir kienet fil-ġnien tal-monasteru u fettlilha tkanta l-Għasar. qaltilna li ġie għasfur fuq il-brevjar jgħanni u jpespes mal-kant tagħha, imbagħad kif bdiet il-qari telaq lil hemm.

Our LadyIllejla wkoll għamilna t-talba ta’ għeluq il-jum flimkien skont ir-Rit Karmelitan. Sabiħa, mhemmx xi tgħid! L-isbaħ partijiet huma meta fl-aħħar ninġabru f’żewġ fillieri quddiem l-ikona tal-Madonna nkantaw l-aħħar antifona tal-jum, imbagħad wara t-tberik bl-ilma mbierek il-pirjol jitla’ fuq il-presbiterju u wieħed wieħed ninżlu għarkobbtejna quddiemu, jagħmlilna salib fuq ġbinna jagħtina l-barka ta’ qabel l-irqad u nbusu l-Labtu tat-tonka tiegħu.

Jiena u ninġabar fiċ-ċella nirrifletti kemm jaħasra tlifna minn dawn il-ġesti u s-simboli sbieħ fil-ħajja reliġjuża wara l-Konċilju, li jżommuk iffukat fuq dak li int. Minnu li kien hemm bżonn ta’ bidla u nifs ġdid tal-Ispirtu imma naħseb in-nifs sar riefnu li f’siegħa naddaf qiegħa waqt li kulma mmur nikkonvinċi lili nnifsi li mal-ilma maħmuġ armejna t-tarbija wkoll…

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s