Ittri mill-Eremitaġġ – L-Erbgħa 10 ta’ Mejju

Bħal kull Karmelu madwar id-dinja, l-Eremitaġġ huwa ddedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija. Hawnhekk b’mod partikulari fil-misteru tat-Tħabbira tal-Mulej. Is-sena d-dieħla l-eremitaġġ jagħlaq 30 sena mill-fundazzjoni. L-esperjenza bdiet fl-1970 b’qassis djoċesan li ħassu msejjaħ għall-ħajja eremitika. Fl-1983, l-Isqof ta’ Minnesota tah permess jgħix ta’ eremit u qegħdu kappillan tal-monasteru tal-klawsura f’Minnesota. Is-sorijiet sellfuh il-foresteria sakemm isibu post aħjar. Nhar is-6 ta’ Ġunju 1987, disgħa u għoxrin sena ilu, Vġili ta’ Għid il-Ħamsin ingħaqad miegħu eremit ieħor, li kien jaħdem fis-sengħa ta’ bennej u dakinhar iċċelebraw flimkien l-Għasar ta’ Għid il-Ħamsin… dakinhar fetħet is-Sena Marjana, fl-1991 issieħeb eremit ieħor, li kien qassis djoċesan u fis-17 ta’ Settembru 1991, festa ta’ San Albert Leġislatur tal-Ordni, bdew jibnu l-eremitaġġ bix-xogħol ta’ jdejhom fuq biċċa art biswit il-monasteru tal-klawsura… bix-xogħol ta’ jdejhom dawn l-eremiti biddlu dil-biċċa art xagħrija f’nofs il-bosk f’art fertili u kkultivata. Nhar it-28 ta’ Settembru 2003, l-eremiti għaddew mill-ġurisdizzjoni tal-Isqof Djoċesan għal taħt l-Ordni Karmelitan, bil-professjoni f’idejn il-Ġeneral P. Joseph Chalmers, tar-Regula u l-Kostituzzjonijiet tal-Ordni bi statuti proprji għalihom. Biż-żmien ingħaqdu iktar vokazzjonijiet għall-ħajja eremitika u bħalissa l-komunità fiha sebgħa membri.

Imqaddsa Verġni MarijaB’diversi modi fl-istorja tal-fundazzjoni tal-eremitaġġ tidher ir-rieda ta’ Marija li mexxiet lil dawn l-aħwa f’din l-esperjenza li bdiet mix-xejn.

Il-ħajja Marjana tinħass sew f’dan l-eremitaġġ, kif inhu xieraq għax kull Karmelu huwa d-dar ta’ Marija. It-tifkira kostanti tagħha fit-talb, l-ispirtu marjan li bih jiġu kkontemplati l-misteri tal-ħajja ta’ Kristu, id-devozzjoni Marjana kontemplattiva tal-eremiti individwali u fuq livell komunitarju, jagħmel minn dan il-post wieħed tassew Marjan.

Madwar l-eremitaġġ hawn diversi xbihat sbieħ ta’ Marija imma l-aktar li laqtitni hija l-ikona tal-oratorju, miktuba minn Fra Christopher, u li turi x-xbieha tal-Marija Omm Alla tat-Tenerezza. Lejha kuljum iduru fil-kant tal-antifoni u t-talb marjan privat u komunitarju. Lilha jsellmu wara l-Preżenza Ewkaristika kull darba li jidħlu fl-oratorju, u lilha ċ-ċelebrant ibus wara l-kant tal-antifona marjana fl-aħħar tal-quddiesa.

Illum iċċelebrajna l-aħħar Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu. Matul din il-ġimgħa qed nqaddes jiena u nagħmel l-omelija. Il-qari fir-refettorju waqt l-ikel nzerta test sabiħ mill-kitbiet tal-Maddalena dwar il-preżenza ta’ Marija fil-ħajja mistika tar-ruħ magħquda ma’ Alla! Illejla waqt l-ikel ta’ filgħaxija il-qari tal-martiroloġju silet tbissima fuq fomm kulħadd għax illum jitfakkru xi tliet monaċi qaddisa li kienu superjuri fil-monasteru ta’ Cluny… il-martiroloġju ma ħarablux id-dettal li bejniethom dawn it-tliet irħieb mexxew il-monasteru għal iktar minn 100 sena.

Illum ukoll ħriġt fil-bosk… ħin minnhom insibni mdawwar b’sebat’iċriev… naħseb drawni dil-ġimgħa għax l-ewwel darba li resqu qrib. Is-soltu meta jarawni nippassiġġa iħarsu b’suspett mill-bogħod u jlebtu lil hemm… l-ewwel bis-serqa ħa jaraw kif nirreaġixxi, imbagħad jgħaġġlu l-pass! Illum kienu kalmi u daruni!

Matul il-jum reġgħet bdiet nieżla x-xita, traxxax, traxxax issaqqi l-art, il-bqija kullimkien sikta u ħemda, għajr xi ħoss ġej mill-bogħod, u għall-ksur ħelu ta’ dan is-skiet bid-daqq tal-qanpiena tal-monasteru ssejjaħ għat-talb u d-daqq tal-Angelus tliet darbiet kuljum filgħodu, f’nofsinhar u ma nżul ix-xemx bis-sistema monastika ta’ tliet tokki għal tliet darbiet u wara mota ċkejkna ta’ inqas minn minuta… biex inbagħad is-skiet ikompli jinkiser bil-kant tal-Liturġija tas-Sigħat minn taħt l-ilsien biex sebgħa ilħna jsiru jitwaħħdu f’wieħed fit-tifħir lil Alla.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s