Ittri mill-Eremitaġġ – Is-Sibt 7 ta’ Mejju

Cell's WindowIs-1.45am ta’ filgħodu… riħa tfuħ ta’ żnuber imlietli mnifsejja, u żiffa friska mit-tieqa mellsitli wiċċi donnha biex tqajjimni ħelu ħelu flimkien mal-ħoss tax-xita traxxax wara jum sħana li anke lili li ġej minn gżira qoxqox desert qatgħetli nifsi. Madwari dlam ċappa, jinstema biss il-ħoss tar-riħ imelles il-friegħi u l-weraq tas-siġar. Ma erġajtx għalaqt għajn m’ għajn u minkejja l-vjaġġ twil ta’ ġurnata li twalet wieħed u tletin siegħa minn erbgħa u għoxrin, ħassejtni f’saħħti u mistrieħ. Qgħadt nistenna s-sejħa tal-qanpiena fl-4.30am għat-talb tan-Notturni fil-4.45am, dak li aħna nsejħulu l-Uffiċċju tal-Qari, imma kemmxejn itwal. Il-Liturġija ta’ llum ftit itwal u iktar solenni għax fl-eremitaġġ qed jiċċelebraw il-festa Karmelitana tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp li dari kienet issir fit-Tielet Ħadd tal-Għid u wara ġiet estiża wkoll għall-Knisja kollha mill-Papa Ljun XIII. Bir-Riforma tal-Konċilju Vatikan II din il-festa tneħħiet mill-Kalendarju Ruman u minn dak Karmelitan. Dawn l-eremiti bil-permess tal-Ġeneral u tal-Isqof tal-post jiċċelebrawha fis-7 ta’ Mejju. Hawnhekk jidlam tard u jisbaħ tard u l-irħieb jimxu mar-ritmu naturali tal-jum. Fil-Vġili tan-Notturni jkun għadu dlam ċappa, imbagħad bil-mod il-mod, fil-ħemda, mal-kant galbat tas-Salmi u l-Kantiċi w il-qari mill-Kotba Mqaddsa is-smiegħ jaqbad it-tpespis tal-għasafar iħabbru ż-żerniq u meta t-talb jasal biex jgħaddi min-Notturni għat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum id-dawl tax-xemx tielgħa jfeġġ fis-Santwarju mill-oculus, dik it-tieqa tonda tal-ħġieġ ikkulurit u li ġeneralment turi l-crux gemmata bl-anagramma Griega IC XP NIKA (Ġesù Kristu, Rebbieħ). Sakemm jasal il-ħin tal-quddiesa l-oculus ikun dija waħda u hekk kif iċ-ċelebrant jitfa’ l-inċens u jidħol fis-Santwarju r-raġġi tax-xemx, huma u jdawwlu l-midbaħ jinkixfu bid-duħħan jitliegħeb magħhom, Is-santwarju jimtela’ bid-dawl u r-rifless tal-mużajk imdiegħeb bl-anġli jżommu f’idejhom it-Trisagion: Sanctus, Sanctus, Sanctus, Dominus Deus Sabaoth. Il-kant Gregorjan u l-baħar ta’ skiet ikomplu jsaħħu din l-esperjenza li mingħajr ma trid iddaħħlek f’realtà oħra. Illum ikkonċelebrajt fil-quddiesa, kantajt l-Evanġelju u pprietkajt dwar Ġużeppi mudell perfett tal-ħajja kontemplattiva Karmelitana.

Hermitage View

Il-jum ikompli mar-ritmu naturali u ċ-ċiklu tax-xemx. Kollox fis-skiet u l-galbu, bil-qari tal-Kelma ta’ Alla waqt l-ikel frugali u veġetarjan li jimlik bla ma jtaqqal l-istonku biex ma jtellifx mill-ħidma u milli tibqa’ ffukat fuq Alla matul il-jum. F’dan ir-ritmu ta’ kuljum, bejn talb liturġiku u personali, ħidma u studju f’dan l-ambjent naturali u ħiemed, mingħajr ma trid issir ħaġa waħda man-natura, mal-ħolqien. Bħalissa tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mit-tieqa hawn sitt iċriev jirgħu mistrieħa. Dalgħodu wkoll għaddew tnejn u ftit wara volpi, faġan u għasfur kbir qisu dundjan sabiħ ikkulurit. Tassew kif kiteb il-qaddis Nikola l-Franċiż fl-ittra tiegħu “Vleġġa Mħeġġa” tal-1270, l-ewwel kitba fi ħdan l-Ordni fuq il-ħajja kontemplattiva:

“Fid-deżert kollox bħal donnu jiftihem biex jgħinna. Is-smewwiet, imdawwla bil-kwiekeb u l-pjaneti f’ordni tal-għaġeb jixhdu bi sbuħithom il-misteri l-aktar għolja. L-għasafar bħal donnhom jilbsu n-natura tal-anġli u bi ħlewwa kbira ifarrġuna bl-għana tagħhom. Il-muntanji wkoll kif ħabbar Iżaija “iqattru l-ħlewwa” tal-għaġeb fuqna u l-għoljiet ħbien tagħna “ifuru bil-ħalib u l-għasel” li qatt ma daquh il-boloh li jħobbu d-dinja. meta ngħannu t-tifħir tal-Ħallieq, il-muntanji, ħutna konventwali, jimtlew bl-innijiet ta’ tifħir lill-Mulej bl-eku ta’ leħinna li jimla l-ambjent ta’ madwarna b’melodiji armonjużi daqs li kieku mweżnin mill-istrumenti tal-korda. L-għeruq tas-siġar, il-ħaxix iħaddar, iz-zkuk u s-siġar kollha jferrħuna huma u jirriflettu t-tifħir tagħna; il-fjuri ħelwa ifewwħu kullimkien bħal donnhom jitbissmu lilna solitarji. Ir-raġġi tax-xemx, għalkemm bla lsien, jitħaddtu fuq is-salvazzjoni, il-friegħi li jdellu ikennuna. F’kelma waħda, kull ħlejqa li naraw jew nisimgħu fid-deżert taħjina u tassew fis-silenzju tagħhom jitħaddtu dwar l-għeġubijiet ta’ Alla u jqanqlu l-bniedem ta’ ġewwa biex ifaħħar lill-Ħallieq li hu iktar tal-għaġeb mill-ħolqien tiegħu.”

Grave of the first HermitFtit passi ’l bogħod salib ċkejken fil-ħamrija jimmarka l-post tad-dfin fil-ħamrija tal-ewwel eremit P. John Mary li għadda għall-ħajja ta’ dejjem xi sentejn ilu, l-ewwel mewt fl-eremitaġġ. Tassew li wieħed jitwaħħad mal-Ħallieq fin-natura mhux biss f’ħajtu imma wkoll f’mewtu…

Illum l-ewwel konferenza kienet jduru mar-riflessjoni fuq li nidħlu fl-għarfien ta’ Alla u tagħna nfusna, li nilqgħu l-amar ta’ Sidna biex ngħammru u nibqgħu fih bħalma hu jgħammar fil-Missier. Il-Maddalena tesprimi dan bil-metafora tas-satra fi ħdan il-Missier, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u fi ħdan l-art, mal-Verb ta’ Alla li sar bniedem, miet fuq is-salib, indifen u issa Rxoxt reġa lura fi ħdan il-Missier biex aħna “ngħixu l-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla”. It-tieni taħdita kienet dwar il-periklu tal-għeluq fina nfusna u li nkunu mehdijin bina nfusna. Għall-Maddalena l-antidotu huwa li nkunu lesti nilqgħu dak li jibgħat Alla fil-providenza tiegħu u li nżommu l-paċi ta’ qalbna f’kollox.

… sadattant dalam u qed tinstema’ l-qanpiena tal-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura, ftit ‘il bogħod mill- eremitaġġ, issejjaħ lill-komunità għat-Talba ta’ għeluq il-jum…

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s