Ittri mill-Eremitaġġ – Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju

Fl-aħħar ninsab fiċ-ċella tal-eremitaġġ Karmelitan f’Minnesota, eżattament biswit l-Għadira ta’ Jiermu (Lake Elmo). Madwari kompożizzjoni armonjuża ta’ siġar u pjanura ħadra kemm tagħtik għajnejk. Is-skiet ġentilment iħallik tisma’ r-riħ imelles il-friegħi, u titpaxxa bil-melodija tat-tajr, fil-bogħod, kemm kemm jinstema, jersaq tħammim kiebi ġej mill-belt li taf il-bidu uffiċċjali tagħha lis-seklu 19 eżattament fl-1849. Qabel, fis-seklu 17 xi missjunarji, Franġiskani Rekolletti esploraw il-post u maż-żmien waqqfu hawn il-missjoni tagħhom. Esplorazzjonijiet arkeoloġiċi sabu li Minnesota kienet abitata ġa sa disat’elef sena ilu. Illum il-belt, kif ukoll l-istat ta’ Minnesota hija multi etnika u allura multi-reliġjuża. Mill-mitjar għall-eremitaġġ, iltqajna mas-Sinagoga, ma’ Parroċċa Anglikana, mal-Parroċċa Kattolika u mal-Katidral. P. John qalli li l-ewwel migranti kienu l-Iżvediżi u l-Ġermaniżi, allura hawn komunità qawwija Luterana. Magħhom jiżdiedu l-Griegi Kattoliċi, l-Ortodossi u komunità Monastika Russa li mal-Karmelitani għandha relazzjoni kordjali u fraterna. Kultant komunità tissieħeb mal-oħra fil-Liturġija u f’mumenti ta’ djalogu u qsim fraternal tal-ħajja spiritwali.

Hekk kif ġbidna għall-Għadira ta’ Jiermu, P. John urieni d-dar tal-irtiri mmexxija mill-Ġiżwiti. L-eremitaġġ jinsab proprju warajha u biswit l-eremitaġġ fuq l-istess proprjetà hemm il-monasteru tas-Sorijiet Karmelitani tal-Klawsura. Qbiżna x-xatba u dlonk raħeb żgħażugħ ġie jsellmilna u fakkar lill-P.John, il-Pirjol, li kellu xi ħadd għad-direzzjoni spiritwali. Il-komunità ta’ sebgħa rħieb, kollha rġiel ta’ qrib it-tletin, għajr għal P. John, hija magħrufa għad-direzzjoni spiritwali. Wasalna sal-bieb tal-eremitaġġ mibni madwar kjostru ċkejken, proporzjonat u P. John wassalni saċ-ċella, li bħalissa hija l-infermerija. P. John qgħedni fiha minħabba li fiha banju privat, mhux bħaċ-ċelel l-oħra tal-eremitaġġ li s-sempliċità awstera tagħhom maqtugħa minn ġardina ħelwa ma’ kull waħda. Dawra ħafifa mal-binja tolqtok is-sempliċità u l-essenzjalità, għajr għall-oratorju, ġenna ċkejkna ta’ mużajk u ikoni, u ma jistax jonqos għal post ta’ talb iddedikat lil Alla taħt it-titlu tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Sidna. L-arti kollha ta’ fiha maħduma minn wieħed mill-eremiti li hu artist.

Hermit Artist

Sa fl-aħħar lura fil-kamra… jiena u s-skiet waħdena wara saga ta’ vjaġġ li ma ried jispiċċa b’xejn u li mlieni b’ħafna tensjoni u aġitament mill-jum ta’ qabel minħabba diffikultà fiċ-check-in li ma stajt nagħmilha b’xejn b’riskju li l-għada nitlef it-titjira minn Pariġi għal Minnesota. Xi ħadd ukoll qalli li aħjar ma mmurx għax ma jdaħħlunix minħabba li donnu kienet tidher irregolarità fil-VISA u l-passaport. Il-vjaġġ għaldaqstant kien wieħed tens minn tappa għal oħra u mingħajr ma trid mill-ewwel issib ruħekk wiċċ imbwiċċ ta’ kemm toħloq biża’ l-insigurtà jew ir-rifsa f’ċirkustanza li hi ikbar minna, li ma għandniex kontroll fuqha. Tidher fil-mod naturali ta’ kif naġixxu, immexxijin mill-pjanijiet tagħna, mill-illużjoni ta’ sigurtà li taf ittir mar-riħ f’ħakka ta’ għajn. Wiċċ imbwiċċ magħha, l-moħħ mill-ewwel itir x’se nagħmel jekk jiġri hekk jew hekk… diffiċli nkunu fil-mument preżenti… “trust me, sir… go there please, trust me” dal-kliem ta’ voluntiera fil-mitjar, li xogħlha kien li tindikalna liema naħa nimxu skont minn liema parti tad-dinja mexjin, laqatni hija u tipprova tipperswadi raġel li kien konvint li wrietu n-naħa l-opposta ta’ fejn kellu jmur hu. Il-qofol ta’ kollox: li tafda, anke fl-affarijiet żgħar, li għalina dak il-ħin jafu jkunu kbar, avolja taf li migdum. Tafda, f’atteġġjament axxetiku li bih Alla jittrasformak sa mill-qiegħ… li tafda lilu wara kollox. Kollox jindikalek l-oppost: li ma tafdax minħabba l-biża’ tal-ieħor. Id-diversi waqfiet għal kontrolli ta’ sigurtà, ħars suspettuż fuqek li mbagħad jinbidel kif jgħarbluk (u allaħares ma jkunx hekk) dan kollu – minn sensiela ta’ atteġġjamenti u ċirkustanzi ta’ kuljum – trawwimna f’din il-kultura ta’ suspett u bizgħa li naturalment interjorment tagħmilha diffiċli li nafdaw f’xulxin u wkoll ħajjitna f’Alla u naqraw is-sinjali ċkejkna tal-preżenza tiegħu li juruni li f’idejh… bħal ngħidu aħna, ħabib li jġiblek imħadda tal-vjaġġ, ieħor li jgħinex tagħmel il-bagalja, l-ajruplan li jasal nofsiegħa qabel il-ħin f’Charles de Gaule u li kieku ma kiex hekk, b’dak li sibt wara jistennieni, ma kontx nirkeb għal Minnesota… tal-aħħar li rfist fuq l-ajruplan fil-fatt….

Il-vjaġġ ta’ disgħa sigħat, ma jgħaddi b’xejn… il-ħin donnu wieqaf, bħalma wieqaf tkun passiġġier bilqegħda u għajr il-ħoss tal-magni ma tindunax li miexi b’Alla waħdu jaf kemm kilometru fis-siegħa. Tassew eżerċizzju tal-kalma, apposta bla arloġġ u ħin li jorjentani, u għajr raqda ħafifa, ftit ikel, u ftit tħejjija għall-konferenzi li qed jistennewni ma għamiltx. Laqtuni – u ngħid id-dritt ammirajt – il-musulmana li tħobb tara l-films, wieħed wara l-ieħor, għal disgħa sigħat imwaħħla mal-iscreen, tnaqqar il-karawett… laqtitni quddiemi, ma stajtx nagħmel mod ieħor, meta ninnutaha li quddiem xena jew oħra twaqqaf film jew ieħor motivata minn konvinzjoni reliġjuża. Jonkella t-tfajla ħdejja li ħin bla waqt ħarġet il-Bibbja, mmarkata minn fuq s’isfel b’noti u ħżuż. It-tbissim, il-kordjalità tal-persuni, id-dedikazzjoni attenta ta’ min jaħdem biex jagħmel il-vjaġġ iktar faċli u seren, il-bikja tat-tarbija indjana quddiemi l-vjaġġ kollu… anke hi forsi tibki għax ġa bdiet idduq l-inċertezza ta’ dinja u realtà li hi akbar minnha!

Issa fis-skiet taċ-ċella… dan kollu jagħmel sens u jaqa’ f’postu…

L-4.15pm sar il-ħin għall-Għasar u l-Adorazzjoni. Fis-skiet u t-talb liturġiku kantat tal-festa tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp, apparti t-tifħir xieraq lil Alla diġà tani ħjiel tal-fiżjonimija tal-individwi u tal-komunità.

Wara l-ikel ta’ filgħaxija llejla nibdew l-ewwel taħdita bit-tema ġenerali tal-Kontemplazzjoni bħala l-ħolqien ta’ spazju vojt fejn inħallu lil Alla ineżżgħana mill-illużjoni ta’ sigurtajiet maħluqa minna u jġibna wiċċ imb’wiċċ mal-biżgħat u t-tniebri ġewwinija sabiex miegħu u bih nidħlu fihom u ngħelbuhom għax “aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu. (Efesin 2:10)…Hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien ta’ l-Iben ta’ Alla; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristuu ma nkunux aktar trabi mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball. Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu (Efesin 4:12-14).

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s