Il-Mistika tal-Arti Performattiva

450 sena mit-twelid ta’ Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-2016)

“Ġismi huwa t-tila, idejja l-pniezel”. Abel Azcona f’intervista fuq ir-rivista tal-arti Vagón 293 (11/06/2012) jagħżel dan il-kliem biex jiddeskrivi l-espressjoni artistika tiegħu. Azcona huwa artista interdixxiplinari u performattiv kontroversjali. L-espressjoni artistika tiegħu hija sovversiva u maħsuba biex tixxokkja waqt li tattakka l-istatus quo tal-istituzzjonijiet politiċi u reliġjużi u tikxef l-ipokrezija tal-konvenzjonijiet soċjali, politiċi u reliġjużi. Kienet esperta fl-arti li lemħet l-artist f’Azcona, żgħażugħ bi tfulija trawmatika li wasslitu għas-sanatorju, f’nofs ta’ triq għeri bil-qegħda fuq siġġu, f’attakk ta’ ġenn, iwaqqaf it-traffiku jgħajjat u jwerżaq.

Tminn mitt sena ilu wkoll Anġela ta’ Foligno intefgħet fil-pjazza ta’ Assisi tgħajjat u twerżaq f’attakk ta’ ġenn wara t-trawmi li għaddiet minnhom. Dakinhar Fratell Arnoldo għaraf fiha u fl-aġir tagħha siwi sovversiv b’messaġġ qawwi.

Alessandro_Franchi_1838-1913_Firenze_seminario_vescovileDik li llum tissejjaħ Arti Performattiva kienet fil-fatt il-mezz li bih in-nisa mistiċi kienu jesprimu lilhom infushom u l-esperjenzi tagħhom waqt li jwasslu messaġġ ta’ kritika sovversiva lil soċjetà mħassra u wkoll kritika lil istituzzjonijiet bħall-Knisja mħabblin fil-korruzzjoni u l-ħajja xejn edifikanti ta’ ħafna mill-membri tagħha. Din it-tip ta’ espressjoni artistika għalkemm tinġabar mal-qasam teatrali għandha madanakollu karatteristiċi li jiddistingwuha mit-teatru. L-ewwelnett hija espressjoni “reali” li fiha l-artist ma “jilgħabx il-parti”, imma jesprimi fil-verità lilu nnifsu u l-malaise tas-soċjetà. It-tieni, “r-realtà” ma ssirx f’teatru imma f’postijiet pubbliċi jew fil-privat u jiġi reġistrat il-proċess tal-espressjoni permezz ta’ traskrizzjoni, ritratti, kitba, film, etċ… It-tielet, din l-espressjoni artistika tinvolvi l-ġesti tal-ġisem tal-artist jew tal-kollaboraturi tiegħu li jsiru l-istrument li bih il-fenomenu artistiku jseħħ. Ir-raba’, ġeneralment minkejja l-ħsieb li jkun hemm warajha, din it-tip ta’ arti hija karatterizzata minn spontanjetà li teskludi kull forma ta’ provi minn qabel. Dawn l-elementi jagħmlu minn din l-espressjoni artistika waħda kontroversjali, sovversiva għall-aħħar u xokkanti, ġieli wkoll fi żmienna blasfema. Il-bidu uffiċjali tagħha jmur lura lejn is-snin sittin fil-perjodu post-modernista u hija ramifikazzjoni tal-moviment Dada, tal-Arti Konċettwali u l-Installazzjoni, hija wkoll meqjusa bħala l-antiteżi tat-teatru.

Lura fl-istorja, kif diġà semmejna, nsibu l-istess forom ta’ espressjoni kreattiva bl-istess karatteristiċi li jmorru lura sa Antistene u Dioġene. Ma nkunux qed niżbaljaw jekk ngħidu li sa llum inħolqot mistika ta’ arti performattiva minħabba li tinvolvi l-esperjenza reali b’ġesti reali u qawwija li jfissru dak li juru. Kritiċi tal-arti bħal Ricardo Recuero, jilmħu fl-Arti Performattiva, inkluża dik ta’ Abel Azcona “dimensjoni tremendament reliġjuża… fis-sens ta’ espressjoni purament spiritwali bħalma hija l-kapaċità li jmur lil hemm minn dak li hu materjali biex iqegħdna in sintonija mal-ġewwieni tagħna b’mod mistiku”. Kemm fl-artist performattiv kif ukoll fil-mistiku l-espressjoni kreattiva tinbet mit-tbatija ġewwinija jew angst frott ta’ sens qawwi tal-persuna li ma tħossiex f’postha f’din id-dinja hekk kif inhi u allura tidħol fi vjaġġ interjuri u kreattiv li jwassal għal catharsis individwali u kollettiv.

Pazzi 2 (1)Fl-istorja tal-mistika, aktarx li Santa Marija Maddalena de’ Pazzi hija l-iktar qaddisa magħrufa għal din it-tip ta’ espressjoni mistiko-artistika. Twieldet fl-1566 mill-familja nobbli de’ Pazzi bi storja intriganti fiha nnifisha fil-qasam politiku tal-belt ta’ Firenze bħala rivali tal-familja de’ Mediċi. Sa minn tfulitha wriet li moħħha ma kienx fl-intriċċi tal-poter u l-frugħa tal-ħajja nobbli. Għażlet il-klawsura Karmelitana stretta b’determinazzjoni li ma tħallix lil tad-dar iseħbuha mal-Cavalieresse di Malta f’ħajja laxka bl-indħil tan-nobiltà. Id-dħul tagħha fil-monasteru kien tassew arti performattiva fiha nnifisha. Missierha li ma setax jaċċetta li kellu jħalli lil bintu l-għażiża tinfdifen fil-klawsura (għax hedditu li taqta rasha barra jekk ma jħallihiex) ried jieħu ritratt daqs naturali ta’ bintu. Ix-xenati ta’ biki u lfieq flimkien mal-ilmenti li hija għamlet qatgħu qalb l-artist li kellu jpittirha minn moħħu. Fil-Monasteru żviluppat din l-espressività kreattiva biex twassal il-messaġġ tagħha mhux biss lill-komunità reliġjuża imma wkoll lill-Papiet, Kardinali, Isqfijiet, kleru u reliġjużi dwar il-ħtieġa tar-Riforma u tiġdid fil-Knisja. Hi li ma setgħetx tipprietka u twassal leħinha u l-messaġġ tagħha għax kienet mara, użat il-ġenju kreattiv tagħha biex mitlufa f’estażi kważi kuljum għal sebgħa snin sħaħ minn Mejju tal-1584, ixxandar l-Evanġelju u l-għajta għar-riforma fil-Knisja.

Dawn il-fenomeni estatiċi, kienu jinkludu espressjoni performattiva, li fiha l-monasteru kien jinbidel f’teatru li fih il-qaddisa kienet tesprimi lilha nnifisha bil-ġesti u bil-kliem. Dawn il-fenomeni ta’ espressjoni performattiva ġew kollha ppreservati bil-ħidma ta’ sħabha li b’metikolożità eċċezzjonali kienu jittraskrivu l-ġesti u l-kliem tal-qaddisa. Minn dawn ħarġu ħames volumi manuskritti li fihom id-duttrina mistika tal-qaddisa li tassew ġisimha kien it-tila u jdejha u fommha l-pniezel. Il-ħajja penitenzjali u axxetika wkoll kellha dan l-element performattiv li kien maħsub biex iwassal messaġġ nisrani u evanġeliku kontra l-esklużjoni tal-emarġinat, fosthom il-morda b’mard jittieħed, il-foqra u l-ħabsin. Ġesti, li sa llum għadhom jixxukkjaw għall-“ġenn” tagħhom, bħall bews tal-feriti tal-morda u l-bqija, li skont l-aġjografija ġabu l-fejqan, u eżempji oħrajn ta’ axxeżi estrema bħal meta l-qaddisa nxteħtet fix-xewk, jonkella tħażżmet b’tonka mqattgħa u mraqqgħa, jew samet għal bosta jiem, kienu maħsuba bi kritika għall-ħajja laxka fil-qasam tal-fidi.

Pazzi 2 (2)It-testi li ħarġu minn dawn il-fenomeni performattivi u profetiċi, huma meqjusa bħala testi ta’ valur letterarju kbir mhux biss għad-duttrina għolja li fihom u li ġej minn tfajla ta’ fuq l-għoxrin, iżda wkoll minħabba l-ġeneru rari tagħhom li jiġbor fih il-kliem fi lsien mitkellem, is-skiet, il-ġesti, id-duttrina u l-kummenti ta’ min kien qed jirreġistra dan il-fenomenu. Il-kumplessità u r-rarità ta’ din il-qaddisa Karmelitana tiġbed l-attenzjoni ta’ diversi esperti mhux biss fil-qasam teoloġiku, imma wkoll f’dak letterarju, artistiku, teatrali, femminista, antropoloġiku u psikoloġiku. Il-kitba li ħalliet warajha kellha impatt fuq persunaġġi kbar bħad-Dutturi tal-Knisja Franġisku ta’ Sales u Alforns Marija de’ Liguori, u iktar riċenti fuq politiċi bħal Giorgio La Pira u Papiet bħal Pawlu VI kif ukoll awturi bħal Divo Barsotti u fundaturi ta’ Kongregazzjonijiet reliġjużi mogħtija għall-ħidma soċjali. Il-Papa Benedittu XVI fl-2007, u nhar it-2 ta’ April 2016 il-Papa Franġisku wkoll, sejjħilha bħala “għalliema tal-ħajja spiritwali għal kulħadd”.

L-Ordni Karmelitan madwar id-dinja mit-2 ta’ April lil hawn qed ifakkar l-450 sena mit-twelid ta’ din il-qaddisa rari b’diversi inizjattivi spiritwali, reliġjużi, akkademiċi u kulturali madwar id-dinja. F’Malta l-Provinċja Karmelitana Maltija qed tfakkar dan l-anniversarju b’diversi inizjattivi. Għal aktar informazzjoni dwar din is-sena tal-450 Anniversarju idħol fuq: https://www.facebook.com/MaddalenadePazzi450/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s