Meta n-naħal jiżfen…

BeesNhar id-Duluri fil-kjostru tal-kunvent fl-Imdina smajna ħoss kbir ta’ tħammim, jiżdied u jiżdied qisu l-ħoss ta’ ajruplan fil-qrib. Fi ftit sekondi l-kjostru mtela b’ferħ ta’ mijiet ta’ nahal “jiżfen’ u li nġabar kollu ma’ fergħa ta’ mandolin mħawwla fil-kjostru. Minn sena ilu lil hawn, fil-kjostru żrajna mal-qsari li diġà kien hemm, bosta fjuri u ħwawar li qed joħolqu ekosistema sħiħa. Ilna ninnutaw xi naħal tal-ghasel (Apis mellifera) aktarx endemiku (Apis mellifera ruttneri) jiġi jżur il-kjostru u jdur mal-ħwawar u mal-mandolina. Xi wħud li jrabbu n-naħal qalulna li aktarx kienu qed isibu post fejn joħolqu “kolonja” ġdida minn oħra li tkun kibret u allura jkollha bżonn tinfatam. Ġeneralment hija r-Reġina li tiċċaqlaq u magħha jiġu n-naħal biex tinbena kolonja ġdida. Jidher li għazlu l-kjostru u l-mandolina parikulari li fir-Rebbiegħa kienet mimlija zahar ifewwah u li taħtha mimli ħwawar għax mill-ewwel għaliha ġew. Din ir-Rebbiegħa b’mod partikulari il-kjostru kien ġenna ċkejkna bil-kuluri tal-fjuri u l-irwejjaħ tal-ħwawar u ż-żahar. Biex dan il-ferħ ma’ jinqeridx bl-għajnuna tas-Sur Alexei Pace mir-Rabat ġbarna l-ferħ f’xehda tal-injam biex peress li l-kjostru ridna nuzawh għal-Liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa. Għaldaqstant għażilna mill-ewwel li nħarsuhom biex jekk jogħġobhom jibqgħu hawn inżommuhom. Iktar u iktar li bhalissa fid-dinja hawn il-fenomenu tal-Colony Collapse Disorder, jiġifieri l-qerda tan-nahal minhabba l-pestiċidi u problemi marbutin mal-abbuż tal-ambjent u sperimentazzjoni fuq taħlit tan-naħla Ewropea ma’ dik Afrikana. Skont l-esperti, meta n-naħal jibdew jinqerdu ifisser li s-sistema ekoloġika qed tinqered, b’konsegwenzi diżastrużi għad-dinja u għall-bniedem. Dan il-ferħ ukoll beriknih bit-talba mir-Ritwal Karmelitan li mhux biss irodd ħajr lil Alla ta’ dan l-insett meraviljuż imma wkoll jagħti tifsira spiritwali u mistika lin-naħla. In-naħla fil-fatt għandha tifsira profonda fl-ispiritwalità u l-mistika Karmelitana.

Sa’ mill-bidu tagħhom il-Karmelitani ġew imqabblin ma’ naħal li jaħdmu l-għasel spiritwali fiċ-ċelel tagħhom permezz tal-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla minħabba li r-Regola tistenna minna li “lejl u nhar naħsbu fuq il-Kelma tal-Mulej”. Bħal naħla fuq warda l-Karmelitan idur fuq il-Kelma ta’ Alla biex jiġbor minnha il-ħlewwa u l-benna tagħha ftit ftit kuljum. Dan il-kuntatt kontinwu mal-Kelma ta’ Alla jagħtina l-għasel bnin tal-ħajja spiritwali li jbiegħed u jħares il-mard tar-ruħ, bħalma l-għasel naturali jsaħħaħ u jbiegħed mill-mard. Il-Ktieb tal-Proverbji jwissina:

Ibni, kul l-għasel, għax hu tajjeb,
u l-qtar tax-xehda, għax togħmtu ħelwa.
Kun af li hekk hu l-għerf għalik;
jekk issibu, jiswielek għal li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa. (Prov 24:13 -14)

Bees (3)Fir-Rabta l-Qadima n-naħal u l-għasel huma simbolu tal-abbundanza, għerf u profezija għax il-Profeta jiġbor mill-Kelma ta’ Alla u jdakkar kullimkien biha bħalma naħla ddakkar kull fejn tmiss. Il-Profetissa “Debora” isimha jfisser proprju “naħla” Il-ktieb tal-Għerf u l-Profeta Eżekjel iqabblu l-profezija bħala x-xandir tat-tjubija ta’ Alla, li hi oħla mill-għasel (Għerf 7: 27b; Eżek 3:3).

Bħala wlied il-Profeta Elija, il-Karmelitan huwa msejjaħ biex bħal Ġwanni l-Battista jgħix fl-imitazzjoni ta’ Elija fis-sejħa Profetika. Il-Kelma ta’ Alla tgħallimna li l-ikel tal-Battista fid-Deżert kien proprju l-għasel (Mt 3:4). Il-Karmelitan jagħmel esperjenza tal-kontemplazzjoni divina proprju fid-deżert tal-ħajja li fih Alla jneżżgħana u jsaffina mill-modi umani u imperfetti ta’ kif naħsbu u ngħixu, biex jibdilna u jagħtina sehem mid-divinità tiegħu. Il-Karmelitani li jqisu lilhom infushom id-dixxendenti ta’ wlied il-Profeti ifittxu li jimxu fuq il-passi ta’ Elija u jimtlew bl-ispirtu tiegħu, l-ispirtu tal-ħeġġa Profetika (2 Slat 2:9). San Bernard iqabbel in-naħla mal-Ispirtu s-Santu li jsawwab fina bil-ħlewwa l-Għerf ta’ Alla. Huwa dan l-Ispirtu, skont San Bernard, li kellem lil Elija “fis-skiet ta’ żiffa ħelwa” fuq l-Għolja Mqaddsa (1 Slaten 19:12b) u mlieh bl-ispirtu tal-kontemplazzjoni divina. Bħalma n-naħla taħdem l-għasel għax-xehda tagħha hekk il-Karmelitan li jirċievi l-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija jimtela’ b’din il-ħlewwa tal-kontemplazzjoni li tittrasforma mhux biss lilu iżda wkoll lid-dinja. Fil-Karmelu l-kontemplazzjoni tibdilna biex ningħataw bil-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla, bħalma n-naħla, kif jgħallimna San Ġwann Kriżostmu, tintefaq u tikkonsma lilha nnifisha għall-oħrajn.

Bees (2)Fil-Kristjaneżmu n-naħal huma simbolu tal-Verġni Mqaddsa Marija. Il-Kolonja hija żżomm fuq ir-reġina u n-naħal verġni li jaħdmu, hekk fil-Medjuevu, Marija u dawk ikkonsagrati lilha kienu jiġu mqabbla man-naħal. Fil-Lvant in-naħal huwa simbolu tal-Verġnita’ ta’ Marija li hija meqjusa bħala l-Patruna tan-naħal u ta’ min irabbihom. Għalhekk fl-Għid ukoll fl-Exultet noffru l-blandun magħmul mix-xama’ pur maħdum min-naħla omm u verġni, b’simbolu ta’ Kristu li twieled minn Marija Omm u Verġni. Ildegarda ta’ Bingen tqabbel lil Marija li żżom lil Kristu fiha, il-ħlewwa ta’ Alla għalina, max-xehda li żżomm l-għasel fiha. Fiż-Żminijiet tan-nofs ukoll l-isem Carmelus kienu jfissruh bħala “car” li tfisser “għarusa” u “melos” li tfisser “għasel ħlejju”. Fil-Karmelu kienu jgħidu nsibu t-tifħir tal-ħlewwa tal-għarusa li hi Marija. Xi wħud kienu jfissruh ukoll bħala “carios” li jfisser “għotja” u “mellis” li tfisser “għasel” hekk li fil-Karmelu wieħed jirċievi permezz ta’ Marija d-don tal-kontemplazzjoni ħelwa ta’ Alla. Titu Brandsma jelabora fuq dan billi jfisser li bħal Marija aħna nirċievu d-don ta’ Kristu li jitlaħħam fina. Hija ssir għalhekk l-Omm u l-Għalliema Spiritwali tagħna. Fuq fommha nqegħdu dan il-kliem tal-Iskrittura:

1538709_10202673649176492_5793318599867233309_nJien omm l-imħabba safja,
il-biża’ u l-għerf u t-tama qaddisa.
Ersqu lejja intom li tixtiquni,
u mtlew bil-frott tiegħi.
Għax tifkirti oħla mill-għasel,
u sehmi minn xehda għasel.
Min jiekol minni jieħdu l-ġuħ għal aktar,
u min jixrob minni jieħdu l-għatx għal aktar.
Min jisma’ minni ma jkollux għax jistħi,
u dawk li jaħdmu bija ma jidinbux. (Bin Sirak 24:18-22)

Huwa għalhekk li Santa Tereża tqabbel il-ħajja tat-talb man-naħla għax aħna msejħin biex il-ħin kollu naħdmu dan id-don tal-kontemplazzjoni ħelwa ta’ Alla permezz tal-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Santa Tereża twissi wkoll, fuq l-istess linja ta’ Nikola l-Franċiż li fil-Karmelu rridu nkunu bħal naħla li dejjem miġbura fix-xehda. Li kieku n-naħal kollu joħroġ mix-xehda ’il barra kieku ma jinħadimx l-għasel u x-xehda tmut. Hekk il-Karmelu mingħajr l-ispirtu ta’ ġabra u solitudni fiċ-ċella u l-kunvent fejn wieħed jaħdem fuqu nnifsu bħal naħla, jinxef u jinqered u jekk tinqered in-naħla jinqered ukoll l-ambjent tal-madwar.

Riflessjoni

Il-Papa Benedittu XVI f’wieħed mid-diskorsi tiegħu jgħid li fejn hija kkoltivata l-ħajja spiritwali l-ambjent tal-madwar iħaddar u tiġi kkoltivata d-dinja. Hija koinċidenza li n-naħla tal-għasel tinsab fil-periklu ta’ estinzjoni b’konsegwenzi koroh ekoloġiċi? Huwa dan ukoll sintomu li fil-fatt il-bniedem ta’ llum qed jitlef id-dimensjoni spiritwali li qed twasslu għal qerda? Jalla nkunu minn dawk li nikkultivaw il-ħajja nterjuru tagħna u nkunu bħal naħla bieżla fil-ħidma għas-Saltna ta’ Alla biex indewwqu lid-dinja ta’ madwardna il-ħlewwa u l-għana ta’ Kristu.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s