Je suis Charlie u ħrejjef oħra

Jiena Charlie“Il-popli kollha li ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet li nagħmlulhom għandhom jiġu mneżża’ minn kollox. Kollox għandu jitteħdilhom u jinqerdilhom, mingħajr ebda’ distinzjoni ta’ eta’ jew sess: il-ħaxix ma’ jibqax jikber fejn tirfes l-armata… jekk irridu nilħqu l-għan tagħna, irridu wkoll nużaw dan il-mezz, jgħidu x’jgħidu l-filantropisti… hekk irridu nagħmlu gwerra: noqtlu l-irġiel kollha minn 15-il sena ’il fuq, neħdulhom in-nisa u t-tfal tagħhom… f’kelma waħda neqirdu minn wiċċ id-dinja lil dawk li ma jridux joqgħodu taħt riġlejna bħal klieb”

Nista’ nobsor fejn mort b’rasek inti u taqra! Imma sejjer żmerċ. Le dan mhux fundamentalista Iżlamiku, jew xi Imam radikali tipo Anjem Choudari… dan kliem il-Kolonell De Montagnac f’ittra li ġġib id-data tal-15 ta’ Marzu 1843, dwar il-ħsieb wara l-okkupazzjoni Franċiża fl-Alġerija u mitbugħa fil-volum Lettres d’un soldat! Hekk hu! Qisekx qed tisma’ xi manifest fundamentalista Iżlamiku? Lettres d'un soldatDin “ix-xjenza tal-gwerra” kienet iġġudikata minn ħassieba politiċi bħal Tocqueville bħala barbariżmu iktar estrem minn dak tal-Għarab infushom. Għal min ma’ jafx il-ħakma Franċiża fl-Alġerija ntemmet fl-1962 u mhux fil-Medjuevu, għaldaqstant għadha friska fl-imħuħ ta’ min ġarrabha u tal-ġenerazzjoni ta’ wara. Matulha ġens ta’ madwar tliet miljuni niżel għal miljun u nofs jew inqas.

Irridu nammettu li wieħed ikun qed jitlob wisq mill-ġenerazzjoni post-postmoderna, nieqsa minn kuxjenza u memorja storika, u allura nieqsa mill-identita’, li taqra l-issa bħala konsegwenza tal-imgħoddi u fl-istess ħin tobsor il-ġejjieni. Ġenerazzjoni bħal din meta tfaqqa’ xi bomba bħall-massakru tas-7 ta’ Jannar, wara li tinħasad u tistaqsi il-kif u l-għala, bla ma ssib tweġiba sodisfaċenti, tibla’ l-bukkun li jitimgħuha u toħroġ bi ħġarha għad-dritt tal-espressjoni ħielsa bħan-ngħaġ ta’ Bendu, bil-kartellun li jlibbisha identità li mhijiex tagħha je suis Charlie f’isem il-libertà. Imma nistaqsi fuq liema libertà qed nitkellmu? Il-libertà li ngħidha kif inħossha?… jew il-libertà li noffendik, ngħajjrek u nipprovokak? Bl-istess argument allura, ma għandix il-libertà li npattihielek kif irrid u kif jidhirli… forsi anke noqtlok?

French SoldiersMhux biex wieħed jaqla’ l-mejtin mill-qobra… imma rridu ngħiduha li llum nitkażaw u niġġudikaw bħala atti barbari l-atroċitajiet li jsiru mill-Iżlam Radikali u Fundamentalista. F’din il-kriżi dinjija, għamlu ħoss kbir ix-xeni ta’ qtugħ l-irjus u ż-żamma tagħhom fl-idejn bħal xi trofew. Atroċitajiet huma, atti barbari u krimini kontra l-ġens tal-bnedmin jibqgħu… x’ngħidu iżda jekk naraw l-istess xeni f’ritratti ta’ suldati Franċiżi jiddandnu b’irjus l-Alġerini li kkolonizzaw u ppruvaw jeqirdu sistematikament…tinsewx qegħdin nitkellmu fuq medda ta’ ftit iktar minn 100 sena ilu. Mitt darba u elf li l-kriżi li ninsabu fiha, hija frott ta’ taħlit kumpless bejn politika, reliġjon, viżjoni tar-realta’, tlaqqiegħ ta’ dinjiet differenti, imma ħadd ma jneħħili minn rasi li hija wkoll, fost kollox, kriżi reazzjonarja għal dak li fl-imgħoddi mhux imbiegħed sar f’isem is-superjorità tar-razza, l-kultura u l-mentalità imperjalista tal-pajjiżi l-kbar Ewropej li llum jiffurmaw l-UE, u li mhuwiex inqas barbaru, atroċi u terroristiku minn dak li qegħdin naraw illum. Tocqueville iħares miblugħ u jirrifletti li għandna ħabta nagħmlu agħar minn dak li nistmerru fil-Barbaru. Faċli nqisuna “kbirna” għax ngħaddu biż-żmien dak li huwa l-aktar sagrosant u nidħku bl-ieħor li għadu “tifel” jiskandalizza lilu nnifsu u jirreaġixxi b’mod aggressiv.

Alexis

Huwa minnu li t-testi sagri fihom żerriegħa tal-aggressività u l-vjolenza u li s-satira –meta hi f’lokha- hi meħtieġa biex iżżomm lil dak li jkun f’postu għax tgħinu jidħak bih innifsu. Min-naħa l-waħda, l-korruzzjoni, l-illitteriżmu, il-faqar, l-oppressjoni ta’ sistemi governattivi f’ħafna pajjiżi Iżlamiċi, flimkien mal-memorja kollettiva xejn sabiħa tat-tifrik li ġab (u għadu jġib) miegħu l-Imperjaliżmu Kolonjali u Kulturali, dawn isiru s-serer fejn din iż-żerriegħa tinbet u tinfirex bħal mustarda skont il-prinċipju “tal-għajn b’għajn sinna b’sinna”. Min-naħa l-oħra, id-dekadenza morali, razzjonali u l-baħħ eżistenzjali post-post modernista tal-Punent li tilef għeruqu għax ma jafx mnejn ġej, fejn jinsab u fejn sejjer, jagħlquna f’banalita’ nihilista li bħall-pornografija isserħek għal mument u tħallik vojt iktar minn qabel.

CharlesU sadattant nibqgħu nemmnu li je suis Charlie u nehdew nistgħaġbu bil-ħrejjef l-oħra… li “aħna” l-vittmi u “huma” l-aggressuri, li “aħna” t-tajbin u “huma” l-ħżiena… wara kollox hekk jinduttrinawna l-mexxejja tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa… u ċ-ċirku jkompli jdur bħar-rota tad-destin fejn illum inti fuq u jiena taħt u vice versa… forsi xi darba jasal dak il-jum li nħarsu f’għajnejn xulxin u nindunaw li t-tnejn bnedmin… it-tnejn aggressuri… it-tnejn vittmi… it-tnejn “aħwa universali” fi kliem Charlie iehor… de Foucauld, darba suldat Franċiż fl-Alġerija, li l-unika triq ’il barra minn dan iċ-ċirku vizzjuż sabu fi Kristu u l-liġi tiegħu tal-Imħabba bla kundizzjoni, razza jew ġens.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s